Tqabbil tal-oqfsa nazzjonali u reġjonali tal-kwalifiki tal-pajjiżi terzi mal-QEK
Il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) għandu l-potenzjal li jiffaċilita t-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kwalifiki internazzjonalment. It-tqabbil tal-QEK mal-oqfsa nazzjonali u reġjonali tal-kwalifiki ta’ pajjiżi terzi se jippermetti fehim aħjar ta’ oqfsa nazzjonali u reġjonali oħra tal-kwalifiki fl-Ewropa u viċi versa. Wieħed mill-benefiċċji ewlenin tat-tqabbil se jkun li r-rikonoxximent tal-kwalifiki jsir aktar faċli għal:
- Persuni li jiċċaqalqu f’pajjiż tal-UE għat-tagħlim u x-xogħol
- Istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, impjegaturi u partijiet konċernati oħra li jirċievu ħaddiema jew studenti minn pajjiżi oħra
Fir-Rakkomandazzjoni 2017 tal-QEK, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ngħataw ir-rakkomandazzjoni li jesploraw il-possibbiltà li jqabblu l-oqfsa nazzjonali u reġjonali tal-kwalifiki tal-pajjiżi terzi mal-QEK. L-għan tat-tqabbil tal-oqfsa tal-kwalifiki mhuwiex li jipperswadi oqfsa oħra ta’ kwalifiki biex jikkonformaw mal-QEK, iżda li jevalwa bir-reqqa jekk diversi aspetti tat-tnejn humiex komparabbli u li joħloq fehim reċiproku tal-oqfsa.
L-eżerċizzju tat-tqabbil tal-QEK għadu fil-fażi pilota tiegħu u r-rapporti ta’ tqabbil ta’ dawn il-proġetti pilota huma disponibbli hawn taħt.