Ippjana l-karriera tiegħek bil-Europass

Biex issib l-impjieg it-tajjeb u tieħu kontroll fuq il-karriera tiegħek, għandek bżonn l-għodda t-tajba biex tikkomunika l-ħiliet tiegħek lil min iħaddem. Il-Europass joffrilek l-għodod u l-informazzjoni li teħtieġ biex tmexxi l-karriera tiegħek matul ħajtek.

Irrifletti fuq il-ħiliet tiegħek

Hekk kif tieħu l-ewwel pass biex tippjana l-karriera tiegħek, dejjem huwa importanti li tirrifletti fuq il-ħiliet u l-esperjenzi tiegħek. Il-mistoqsijiet ta’ hawn taħt se jgħinuk f’dan il-proċess:

  • Tista’ tiddeskrivi l-ħiliet tiegħek kollha b’mod konċiż u li jinftiehem?
  • Tista’ telenka l-ħiliet li ksibt permezz ta’ esperjenzi ta’ xogħol partikolari?
  • Tista’ tiddeskrivi l-ħiliet li ksibt permezz tal-volontarjat, it-tagħlim online, il-passatempi u kisbiet oħra? 
  • X’ħiliet ġodda żviluppajt dan l-aħħar?
  • Liema huma l-aktar ħiliet siewja tiegħek?
Woman holding a coffee cup and making plans

Irreġistra u kkomunika l-ħiliet u l-esperjenzi tiegħek

L-għodod tal-Europass se jgħinuk tirreġistra l-ħiliet u l-esperjenzi tiegħek kollha. B’dan il-mod dejjem jista’ jkollok stampa ċara u aġġornata tal-kisbiet tiegħek f’post wieħed. Tista’ toħloq profil personali tal-Europass bil-ħiliet, il-kwalifiki u l-esperjenzi kollha tiegħek. Tista’ żżid taqsimiet fil-profil tiegħek biex tiddeskrivi l-esperjenza tax-xogħol tiegħek, l-iżvilupp professjonali u kisbiet oħra fuq ix-xogħol u fil-ħajja.

Tista’ tibni ħarsa ġenerali tal-ħiliet kollha tiegħek fil-Europass. Se tirċievi lista ta’ ħiliet, għarfien u kapaċitajiet li jirriflettu l-esperjenza tiegħek analizzata mill-informazzjoni fil-profil tiegħek.

Iddefinixxi l-għanijiet tal-karriera tiegħek u l-interessi tiegħek fil-ħajja fuq il-Europass biex tifhem aħjar l-għanijiet tiegħek. Dawn jistgħu jinkludu attivitajiet u suġġetti li tixtieq tiffoka fuqhom kif ukoll fejn tixtieq taħdem.

Ippjana l-passi li jmiss

Bil-Europass tista’ tippjana l-passi li jmiss u ssib l-impjiegi tajbin għalik.

Abbażi tal-ħiliet u l-interessi tiegħek fil-profil tiegħek tal-Europass, se tirċievi suġġerimenti ta’ impjiegi li jistgħu jkunu ta’ interess għalik. Tista’ wkoll tfittex impjiegi f’pajjiżi differenti fl-UE kollha.

Tista’ taqsam il-profil tal-Europass ma’ min iħaddem u ma’ min qed jirrekluta biex tagħmel applikazzjoni, jew toħloq CV jew ittra ta’ kopertura billi tuża l-editur tal-Europass.