Tħejjija għal studju barra minn pajjiżek

Jekk qed tippjana li tistudja jew tlesti taħriġ f’pajjiż ieħor tal-UE, għandek bżonn tippreżenta l-kwalifiki tiegħek (lawrja, diploma jew prova ta’ taħriġ vokazzjonali) lil istituzzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Din il-lista ta’ pariri u informazzjoni tista’ tgħinek tikseb ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tiegħek u tistudja barra minn pajjiżek.

Enthusiastic young woman sitting on the floor next to a suitcase and typing on a laptop

Iċċekkja l-informazzjoni

Meta tfittex kors kun ċert li tiċċekkja l-informazzjoni dwar il-miżati tat-tagħlim; it-tul tal-istudji; il-proċess tal-applikazzjoni; u r-rikonoxximent tal-istudji tiegħek barra minn pajjiżek. 

Jekk se tagħmel skambju tal-istudenti ma’ istituzzjoni f’pajjiż ieħor, kun ċert li tikseb informazzjoni ċara kemm mill-istituzzjoni ta’ pajjiżek kif ukoll mill-istituzzjoni ospitanti fuq il-korsijiet, il-gradi u l-eżamijiet involuti.

Ikseb informazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki

Jekk teħtieġ aktar informazzjoni, ikkuntattja ċ-ċentru ENIC-NARIC fil-pajjiż rilevanti. Iċ-ċentri ENIC-NARIC joffru evalwazzjonijiet u pariri dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki barranin, li jistgħu jgħinuk tispjega l-kwalifiki tiegħek fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Tista’ tinkludi informazzjoni dwar il-livell tal-kwalifika tiegħek fis-CV tal-Europass tiegħek u fid-dokumenti ta’ applikazzjoni tiegħek biex tgħin lin-nies jifhmu aħjar il-kwalifika tiegħek. L-istituzzjoni edukattiva tiegħek tista’ tipprovdilek aktar informazzjoni dwar il-kwalifiki tiegħek.

Iċċekkja u qabbel il-livelli tal-kwalifiki 

Iċċekkja l-livell tal-kwalifika tiegħek fuq il-qafas nazzjonali tal-kwalifiki f’pajjiżek. Ħafna pajjiżi għandhom qafas nazzjonali tal-kwalifiki, li jfassal it-tipi differenti ta’ kwalifiki fis-sistema edukattiva nazzjonali. Tista’ wkoll tiċċekkja l-livell korrispondenti għall-kwalifika tiegħek fuq il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK). Il-QEK jgħin biex iqabbel is-sistemi tal-kwalifiki fl-Ewropa.

luggage

Ħejji d-dokumenti rilevanti

Iġbor id-dokumenti kollha tiegħek. Kun ċert li jkollok aċċess faċli għad-diplomi, it-traskrizzjonijiet u t-traduzzjonijiet tiegħek biex taqsamhom mal-istituzzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ li qed tapplika għaliha. Kont taf li tista’ taħżen id-dokumenti diġitali kollha tiegħek fil-Librerija tal-Europass?

  • Jekk għandek kwalifika ta’ edukazzjoni għolja, tista’ titlob Suppliment għad-Diploma mill-istituzzjoni fejn studjajt, li jinkludi informazzjoni dwar il-kwalifika tiegħek.
  • Jekk għandek kwalifika vokazzjonali, tista’ tikseb Suppliment għaċ-Ċertifikat tal-Europass mill-istituzzjoni fejn studjajt, li jinkludi informazzjoni dwar il-kwalifika tiegħek.