Kredenzjali Diġitali Ewropej għat-tagħlim
Il-Kredenzjali Diġitali Ewropej għat-tagħlim huma dikjarazzjonijiet maħruġin minn organizzazzjoni lil student, li jiddokumentaw it-tagħlim tiegħu.
Il-Kredenzjali Diġitali Ewropej għat-tagħlim jinkludu diplomi, traskrizzjonijiet tar-rekords u varjetà wiesgħa ta’ tipi oħrajn ta’ ċertifikati ta’ kisba ta’ tagħlim. Huma multilingwi u ffirmati b’siġill elettroniku uniku (jiġifieri l-ekwivalenti diġitali tat-timbru ta’ istituzzjoni). Dan jippermetti lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ jawtentikaw, jivvalidaw u jirrikonoxxu faċilment kredenzjali ta’ kwalunkwe daqs, għamla jew forma.
X’inhuma l-Kredenzjali Diġitali Ewropej għat-tagħlim?
Il-Kredenzjali Diġitali Ewropej għat-tagħlim jistgħu jiddeskrivu u jiċċertifikaw:
- kwalifiki (eż. ċertifikati professjonali, diplomi universitarji u kisbiet oħrajn ta’ tagħlim),
- attivitajiet (eż. parteċipazzjoni fi klassijiet u avvenimenti ta’ tagħlim mhux formali),
- valutazzjonijiet (eż. traskrizzjonijiet ta’ rekords), u
- intitolamenti (eż. id-dritt li wieħed jirreġistra f’opportunitajiet ta’ tagħlim, jew li jwettaq xogħol).
L-awtentikazzjoni u l-verifika istantanja u awtomatika inkorporati jappoġġjaw ir-rikonoxximent u jgħinu biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi billi juru minnufih jekk il-kredenzjali ġewx imbagħbsin jew jekk inħarġux minn organizzazzjoni mhux awtorizzata. Il-Kredenzjali Diġitali Ewropej għat-tagħlim għandhom l-istess validità legali bħall-kredenzjali bbażati fuq il-karta u huma rikonoxxuti fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni kollha.
Benefiċċji tal-kredenzjali diġitali
Il-Kredenzjali Diġitali Ewropej għat-tagħlim joffru ħafna benefiċċji għaċ-ċittadini, l-impjegaturi u l-organizzazzjonijiet.
Individwi
- jistgħu jibnu portafoll online biex isegwu t-tagħlim kollu tagħhom filwaqt li jkunu f’kontroll sħiħ tad-data tagħhom
- jistgħu faċilment jerġgħu jużaw il-kredenzjali tagħhom biex isibu impjieg jew japplikaw għal aktar taħriġ mal-Ewropa kollha
- jistgħu jippreżentaw u jkollhom il-kredenzjali tagħhom ivverifikati fi kwalunkwe punt tal-karriera tagħhom, anki jekk l-istituzzjoni li ħarġithom tagħlaq, jew jekk tintilef id-data użata biex toħloqhom
Min iħaddem
- tista’ tnaqqas b’mod drammatiku l-ħin u l-ispiża tal-verifika tal-kredenzjali u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għax-xogħol
- jistgħu jifhmu aħjar il-kredenzjali tal-kandidati, speċjalment minn Stati Membri oħrajn peress li se jiġu tradotti fil-lingwa tagħhom stess
- jistgħu jafdaw kredenzjali li ma jistgħux jiġu mbagħbsin
Provvedituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ
- jistgħu jnaqqsu l-piż amministrattiv tagħhom u l-ispejjeż għall-ħruġ ta’ kredenzjali, filwaqt li jaċċelleraw ukoll il-proċeduri tal-ħruġ billi jsiru diġitali
- jistgħu jifhmu aħjar il-kredenzjali ta’ min qed jitgħallem, speċjalment minn Stati Membri oħrajn peress li se jiġu tradotti fil-lingwa tagħhom stess
Dawn huma dokumenti diġitali portabbli li jużaw standards miftuħin u li huma allineati bis-sħiħ ma’ oqfsa u strumenti familjari tal-UE bħal:
- il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-Tagħlim Tul il-Ħajja (il-QEK),
- il-Klassifikazzjoni Ewropea tal-Ħiliet, il-Kompetenzi, il-Kwalifiki u l-Impjiegi (l-ESCO),
- is-suppliment għad-diploma u aktar.