Rikonoxximent ta’ ħiliet u kwalifiki

Ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki hu kruċjali biex jiġu appoġġjati l-mobbiltà u l-opportunitajiet ta’ tagħlim u ta’ karriera għal kulħadd fl-UE kollha.

Ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki hu kruċjali biex jiġu appoġġjati l-mobbiltà u t-tagħlim kif ukoll l-opportunitajiet ta’ karriera għal kulħadd fl-UE kollha.

Hemm żewġ proċeduri differenti għar-rikonoxximent tal-kwalifiki:

  • Ir-rikonoxximent għal aktar edukazzjoni u taħriġ
  • Ir-rikonoxximent għall-aċċess għall-impjiegi, inklużi l-professjonijiet regolati

 

Rikonoxximent tal-kwalifiki għal aktar edukazzjoni u taħriġ

Sfond tal-politika

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2018 tippromwovi r-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’:

  • kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tat-tieni ċiklu tal-edukazzjoni sekondarja u tat-taħriġ u
  • eżiti ta’ perjodi ta’ tagħlim f’pajjiż barrani.

Ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri biex, sal-2025, jimplimentaw qafas biex jiksbu rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal-kwalifiki tal-edukazzjoni għolja fl-Istati Membri kollha.

Ir-Rakkomandazzjoni tappella wkoll għal rikonoxximent awtomatiku u sħiħ tal-perjodi ta’ studju f’pajjiż barrani u għal rikonoxximent awtomatiku ta’ kwalifiki tat-tieni ċiklu tal-edukazzjoni sekondarja u ta’ kwalifiki ta’ taħriġ li jagħtu aċċess għall-edukazzjoni għolja.

Il-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki dwar l-Edukazzjoni Għolja fir-Reġjun Ewropew (magħrufa wkoll bħala l-Konvenzjoni ta’ Lisbona) tal-Kunsill tal-Ewropa u l-UNESCO ġiet adottata f’Lisbona fl-1997. Hi l-istrument legali ewlieni għar-rikonoxximent tal-kwalifiki fir-reġjun tal-Ewropa u tal-Amerika ta’ Fuq tal-UNESCO. Tagħti lid-detenturi ta’ kwalifika minn pajjiż firmatarju aċċess għal valutazzjoni tal-kwalifiki tiegħu f’pajjiż firmatarju ieħor. Valutazzjoni u rikonoxximent sussegwenti jistgħu jservu biex:

  • jaċċessaw edukazzjoni terzjarja ulterjuri
  • jużaw titli akkademiċi
  • ikollhom aċċess aktar faċli għas-swieq tax-xogħol

Il-pajjiżi firmatarji tal-Konvenzjoni impenjaw ruħhom ukoll li jistabbilixxu proċeduri nazzjonali biex jivvalutaw il-kwalifiki tar-refuġjati u l-persuni spostati, anke meta ma jkunux jeżistu dokumenti formali. 

Woman holding a globe

Informazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki

In-network ENIC-NARIC jiżviluppa politika u prattika konġunti fil-pajjiżi Ewropej kollha għar-rikonoxximent tal-kwalifiki. In-network jikkonsisti min-Network Ewropew ta’ Ċentri ta’ Informazzjoni (ENIC), stabbilit mill-Kunsill tal-Ewropa u l-UNESCO, u ċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku (NARIC), stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea.

Tista’ tikkuntattja lill-uffiċċji tal-pajjiżi tal-ENIC/NARIC permezz tal-portal ENIC-NARIC għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki għal aktar edukazzjoni u taħriġ. 

Rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali

Sfond tal-politika

Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fl-UE hu rregolat mid-Direttiva 2005/36/KE

Id-Direttiva tistabbilixxi:

  • sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku għal: infermiera, qwiebel, tobba (tobba tal-familja u speċjalisti), dentisti, spiżjara, periti u veterinarji
  • sistema ġenerali ta’ rikonoxximent għal professjonijiet regolati oħra bħal għalliema, tradutturi u aġenti tal-proprjetà immobbli u
  • sistema ta’ rikonoxximent ibbażata fuq l-esperjenza professjonali bħal pereżempju l-mastrudaxxi, it-tappizzara u l-estetisti.

Aqra aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ professjonijiet regolati  hawnhekk jew żur il-bażi tad-data ta’ professjonijiet regolati.

Oqfsa speċifiċi

Id-Direttiva 2005/36/KE ma tkoprix professjonijiet li huma rregolati minn dispożizzjonijiet legali speċifiċi bħal baħħara, awdituri statutorji, intermedjarji tal-assigurazzjoni u kontrolluri tal-inġenji tal-ajru, avukati, aġenti kummerċjali u xi professjonijiet oħra fit-trasport jew dawk li jittrattaw ma’ prodotti tossiċi. Aqra aktar informazzjoni dwar professjonijiet li jaqgħu taħt leġiżlazzjoni speċifika.

Il-Karta Professjonali Ewropea (KPE) tistabbilixxi proċedura online għar-rikonoxximent tal-kwalifiki għal 5 professjonijiet (infermiera tal-kura ġenerali, fiżjoterapisti, spiżjara, aġenti tal-proprjetà immobbli u gwidi tal-muntanji).