Meta tibgħat is-CV tal-Europass tiegħek lill-EURES
Informazzjoni għal Persuni li qed ifittxu xogħol dwar il-EURES u l-Istqarrija dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-EURES
Tixtieq tibgħat is-CV tal-Europass tiegħek lill-portal tax-xogħol tal-EURES?
Il-EURES hu network ta’ servizzi għall-impjiegi li jkopri l-pajjiżi kollha tal-UE kif ukoll l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera. Fuq bażi medja hemm aktar minn 4 miljun xogħol disponibbli elenkati fil-portal tal-EURES. Mill-1994 ’l hawn, aktar minn 1000 konsulent tal-EURES għenu lil dawk li qed ifittxu xogħol biex isibu xogħol u lill-impjegaturi biex isibu kandidati xierqa mill-Ewropa kollha. Tista’ tibgħat is-CV tal-Europass tiegħek fil-portal tal-EURES fejn jistgħu jarawha l-konsulenti tal-EURES u eluf ta’ impjegaturi. Żur il-portal tal-EURES biex issir taf aktar dwar il-EURES. Wara li tixxerja s-CV tal-Europass tiegħek, tista’ tħassar jew taġġorna s-CV fi kwalunkwe ħin.
Minbarra t-tqabbil tal-impjiegi, il-EURES joffri servizzi oħra disponibbli għall-utenti tal-Europass:
- Il-EURES għandu taqsima ta’ informazzjoni estensiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol f’31 pajjiż Ewropew
- Tista’ tikkuntattja lill-konsulenti tal-EURES elenkati fil-portal tal-EURES għal appoġġ individwali fil-proċess ta’ tfittxija ta’ xogħol tiegħek
- Il-portal tal-EURES għandu ħafna artikli u suġġerimenti interessanti għal dawk li qed ifittxu xogħol li se jkunu utli għalik
Protezzjoni tad-data personali tiegħek
L-informazzjoni fis-CV tal-Europass tiegħek fiha data personali protetta mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan ifisser li billi tibgħat is-CV tal-Europass tiegħek fil-portal tal-EURES tkun qed tittrasferixxi d-data personali tiegħek. Dan l-ipproċessar jeħtieġ li jkun konformi ma’:
- ir-Regolament (UE) 2018/1725, li japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej
- ir-Regolament 2016/679 (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), li japplika għal kwalunkwe pproċessar ta’ data minn organizzazzjonijiet esterni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE
Rekwiżit fundamentali minn dawn l-atti legali huwa li trid tagħti l-kunsens espliċitu tiegħek biex tittrasferixxi s-CV tal-Europass tiegħek għall-portal tal-EURES. Għandek id-dritt li tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe ħin. Jekk inti minorenni, irid ikollok il-kunsens tal-ġenituri jew tal-kustodji legali tiegħek.
Huwa importanti li tifhem l-iskop tal-ipproċessar (l-użu) tad-data fil-portal tal-EURES.
Il-portal tal-EURES jipprovdi informazzjoni u servizzi għall-benefiċċju ta’ persuni li jkunu qed ifittxu x-xogħol li huma interessati li jsibu xogħol jew opportunitajiet oħrajn fl-Ewropa, impjegaturi u organizzazzjonijiet interessati li jsibu kandidati minn pajjiżi oħrajn kif ukoll kull ċittadin li jixtieq jibbenefika mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni. Il-prinċipju tal-moviment liberu jfisser li inti bħala ċittadin tal-UE/taż-ŻEE tgawdi l-libertà li taħdem kullimkien f’dawn il-pajjiżi.
Il-bażi tad-data tas-CV tal-portal tal-EURES toffri lil dawk li qed ifittxu x-xogħol l-opportunità li jippubblikaw is-CVs/il-profili online tagħhom ta’ persuni li qed ifittxu xogħol u lill-impjegaturi l-opportunità li jfittxu u li jaraw CVs/il-profili ta’ persuni li qed ifittxu xogħol u li huma kandidati potenzjali.
Il-portal tal-EURES ta’ tqabbil joffri servizz awtomatiku li jqabbel il-postijiet vakanti tax-xogħol mas-CVs/il-profili ta’ persuni li qed ifittxu xogħol bl-użu ta’ algoritmi bbażati fuq numru ta’ kriterji bħall-edukazzjoni, l-esperjenza, il-ħiliet, il-pożizzjoni kurrenti u mixtieqa tal-kandidati, l-okkupazzjoni mixtieqa, eċċ.
L-Istqarrija dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-EURES tagħtik l-informazzjoni kollha li għandek bżonn tkun taf dwar il-protezzjoni tad-data personali tiegħek li qed tiġi ttrasferita għall-portal tal-EURES. Il-kumpaniji kollha li jimmaniġġjaw u jaħżnu d-data personali jeħtieġ li jkollhom fis-seħħ stqarrija dwar il-protezzjoni tad-data. Issib spjegazzjoni qasira tal-Istqarrija dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-EURES hawn taħt, kif ukoll il-link rilevanti fejn se ssib l-istqarrija oriġinali sħiħa, jekk jogħġbok aqraha.
L-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-EURES immaniġġjat mill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol huwa l-Kontrollur tal-portal tal-EURES.
Stqarrija dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-EURES
L-istqarrija ta’ privatezza tipprovdi informazzjoni dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data personali tiegħek skont il-punt A. Termini u kundizzjonijiet speċifiċi għall-użu tas-servizzi tal-portal tal-EURES inklużi r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data huma elenkati taħt il-punt B. Meta taqbel ma’ dan id-dokument taqbel mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek f’konformità mal-kundizzjonijiet elenkati hawn taħt u taqbel ukoll li se tuża s-servizzi tal-portal tal-EURES skont it-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi elenkati hawn taħt b’attenzjoni partikolari għall-konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.
Jekk jogħġbok sib l-Istqarrija dwar il-protezzjoni tad-data u t-Termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-użu tas-servizzi tal-portal tal-EURES.