Kredenzjali Diġitali tal-Europass
Il-Kredenzjali Diġitali tal-Europass huma fajl diġitali, maħruġ mill-istituzzjoni fejn studjajt. Dan il-fajl jiddeskrivi l-kwalifika tiegħek, u jista’ jinkludi wkoll informazzjoni dwar il-korsijiet, il-marki, il-proġetti u kisbiet oħra tiegħek.
Jekk tixtieq tistudja, taħdem jew tagħmel volontarjat ħafna drabi trid tippreżenta prova tal-kwalifiki u l-kisbiet tiegħek lill-impjegaturi, l-istituzzjonijiet edukattivi u lil persuni oħrajn. Dan jista’ jkun proċess diffiċli, speċjalment jekk tixtieq tmur f’pajjiż ieħor għal opportunità ġdida.
Il-Kredenzjali Diġitali tal-Europass jippermettulek tirċievi u tikkondividi l-lawrji, id-diplomi u ċ-ċertifikati diġitali tiegħek mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ b’mod faċli u effiċjenti.
L-istituzzjoni fejn studjajt tista’ toħroġ id-diploma jew iċ-ċertifikat tiegħek bħala Kredenzjali Diġitali tal-Europass.
Tista’ titlob li tirċievi l-fajl diġitali biex taħżnu f’kartiera fil-Librerija tal-Europass tiegħek; jew tista’ titlob li jintbagħatlek direttament bl-email, jew f’post ieħor. Il-Kredenzjali Diġitali tal-Europass huma fajl ta’ valur u għalhekk kun ċert li taħżnu xi mkien sikur.
Għaliex għandi bżonn il-Kredenzjali Diġitali tal-Europass?
Tista’ tikkondividi l-Kredenzjali Diġitali tal-Europass mal-impjegaturi, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, jew organizzazzjonijiet oħra li jeħtieġu informazzjoni dwar il-kwalifiki tiegħek. Meta jaraw il-Kredenzjali Diġitali tal-Europass tiegħek huma jkunu jistgħu jivverifikaw awtomatikament li l-kwalifika tiegħek hija reali, li tappartjeni lilek, u jkunu jistgħu jifhmu aħjar il-ħiliet u l-esperjenzi tiegħek. Dejjem għandek tiżgura li tkun taf l-identità ta’ kull persuna li tikkondividi l-kredenzjali tiegħek magħha. Jekk taħżen il-kredenzjali tiegħek fil-Librerija tal-Europass tista’ tikkondividi l-kredenzjali tiegħek għal ammont fiss ta’ żmien.
Is-sistema tal-Kredenzjali Diġitali tal-Europass hi mmaniġġjata mill-Kummissjoni Ewropea u hija bla ħlas u sigura.
Il-Kummissjoni Ewropea bdiet taħdem mal-Istati Membri tal-UE u ma’ pajjiżi oħra biex twettaq il-proġett pilota tal-Kredenzjali Diġitali tal-Europass. Tista’ tkun wieħed mill-ewwel gradwati li jirċievu d-diploma jew iċ-ċertifikat tiegħek bħala Kredenzjali Diġitali tal-Europass.
L-istituzzjoni tiegħek se tinfurmak jekk tirċievi Kredenzjali Diġitali tal-Europass. Tista’ tikkuntattjana wkoll jekk ikollok xi mistoqsijiet dwar il-Kredenzjali Diġitali tal-Europass.