Il-pjattaforma aġġornata tal-Europass tagħlaq erba’ snin illum
Il-pjattaforma aġġornata tal-Europass, imnedija f’Lulju 2020, qed tiċċelebra r-4 anniversarju tagħha illum. Il-Europass hu servizz tal-UE għat-tagħlim tul il-ħajja u l-immaniġġjar tal-karriera li hu bla ħlas u sigur għal miljuni ta’ nies li qed ifittxu impjieg u opportunitajiet ta’ apprendiment madwar l-Ewropa.
Il-pjattaforma għandha kważi seba’ miljun utent reġistrat u 90 miljun żjara mit-tnedija tagħha u fl-2023 weħidha, b’mod impressjonanti, ġew iddawnlowdjati disa’ miljun CV tal-Europass. Il-profili tal-Europass u s-CVs huma standard tal-UE biex jintwerew il-ħiliet u l-esperjenzi tal-utenti lil impjegaturi potenzjali kif ukoll lill-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
Il-Europass joffri lill-utenti għodod effettivi u informazzjoni utli relatata max-xogħol u t-tagħlim fl-Ewropa. Din is-sena rat xi aġġornamenti importanti fl-għodda tax-Xejriet tal-Impjiegi u tal-Ħiliet, li jiżguraw li l-utenti tal-Europass ikollhom aċċess għall-aħħar għarfien dwar is-suq tax-xogħol. Qed isiru ħafna żviluppi oħrajn fl-għodod kollha tal-Europass bħall-profil, il-ħolqien tas-CV, l-editur tal-ittra ta’ akkumpanjament, it-titjib tal-karatteristiċi u l-funzjonalitajiet biex jiġu sodisfatti aħjar il-ħtiġijiet tal-utenti.
Hekk kif il-Europass jiċċelebra dan l-istadju importanti, ibqa’ aġġornat mal-karatteristiċi u titjib ġodda mfasslin biex ikomplu jottimizzaw il-karriera u l-perkorsi ta’ tagħlim tal-utenti. Sadanittant, ħu ż-żmien biex tesplora r-riżorsi dejjem jespandu disponibbli fuq il-pjattaforma tal-Europass.