Frequently Asked Questions

Appoġġ U Informazzjoni

Kif nista’ niċċekkja l-livell tal-kwalifika tiegħi fil-livell tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK)?

L-informazzjoni dwar il-livell tal-QEK tista’ tiġi inkluża fid-dokumenti tal-kwalifika tiegħek (diploma, ċertifikat, traskrizzjonijiet) jew tista’ tistaqsi lill-istituzzjoni fejn studjajt għal din l-informazzjoni.

Kif nikseb appoġġ f’pajjiżi?

Tista’ tfittex informazzjoni u servizzi li jgħinuk f’pajjiżi differenti permezz tat-taqsimiet Tgħallem fl-Ewropa u Aħdem fl-Ewropa tal-Europass. Agħżel mil-lista l-pajjiż li jinteressak.

Għal aktar informazzjoni dwar il-Europass, tista’ tikkuntattja liċ-Ċentru Nazzjonali tal-Europass f’pajjiżek.

X’inhuma ċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass?

Ċentru Nazzjonali tal-Europass jikkoordina l-attivitajiet kollha relatati mal-Europass f’kull pajjiż li jipparteċipa fil-Europass. Dan hu l-ewwel punt ta’ kuntatt għal kull persuna jew organizzazzjoni interessata li tuża jew titgħallem aktar dwar l-Europass. Tista’ tikkuntattja ċ-Ċentru Nazzjonali tal-Europass ta’ pajjiżek jew il-pajjiż li jinteressak li taħdem jew titgħallem fih.

Jien agħmi jew nieqes mid-dawl. Nista’ nuża s-CV tal-Europass?

Iva, il-Europass ġie żviluppat b’kunsiderazzjoni bir-reqqa għall-persuni neqsin mid-dawl u għall-għomja. Hu jappoġġja t-teknoloġija ta’ assistenza u jipprovdi alternattivi għal persuni b’tali sfidi.

Nista’ nuża jew nirriproduċi l-informazzjoni li tinsab fis-sit web tal-Europass?

Tista’ tuża l-informazzjoni fuq is-sit web tal-Europass jekk tirrikonoxxi s-sors (© Unjoni Ewropea).

Il-Europass jista’ jgħinni nikseb rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tiegħi?

Il-Europass jista’ jgħinek tikkomunika l-ħiliet, il-kwalifiki u l-esperjenzi tiegħek b’mod ċar u konsistenti. L-użu tal-Europass ma jintitolakx għal rikonoxximent awtomatiku tal-ħiliet u l-kwalifiki tiegħek jew drittijiet oħrajn. Il-profil tal-Europass, u d-dokumenti tal-Europass bħas-Suppliment għad-Diploma, is-Suppliment għaċ-Ċertifikat u l-Mobbiltà tal-Europass jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex jispjegaw il-ħiliet u l-kwalifiki tiegħek lill-impjegaturi, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u oħrajn.

M’iniex ċittadin Ewropew. Nista’ nuża l-Europass?

Iva, il-Europass hu sett bla ħlas ta’ għodod online u informazzjoni għal kulħadd irrispettivament min-nazzjonalità jew mill-pajjiż ta’ residenza tiegħek.

X’inhu r-Reġistru tas-Sett tad-Data tal-Kwalifiki (QDR)?

L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jħejju u jippubblikaw kwalifiki, akkreditazzjoni u opportunitajiet ta’ tagħlim fl-Europass permezz tal-pjattaforma tar-Reġistru tas-Sett tad-Data tal-Kwalifiki (QDR). Il-QDR hu għodda żviluppata mill-Kummissjoni biex tappoġġja lill-awtoritajiet nazzjonali biex jippubblikaw id-data tagħhom bħala “data miftuħa llinkjata” li tista’ tiġi ppubblikata, konnessa u użata aktar faċilment.

X’inhi akkreditazzjoni?

L-akkreditazzjoni fil-kuntest tal-Europass hi l-assigurazzjoni tal-kwalità jew il-liċenzjar ta’ organizzazzjoni jew kwalifika. Tista’ tintuża istanza ta’ akkreditazzjoni fil-kuntest tal-Europass biex tispeċifika informazzjoni dwar żewġ tipi ta’ Akkreditazzjoni.

  • Liċenzjar istituzzjonali: assigurazzjoni tal-kwalità u/jew liċenzjar fil-livell ta’ organizzazzjoni. Dan jimplika permess għall-istituzzjoni biex topera (eż., il-ħruġ ta’ kwalifika) u jingħata minn Awtoritajiet Pubbliċi jew delegati tagħhom.
  • Akkreditazzjoni tal-programm/kwalifika: permess biex jiġi pprovdut programm speċifiku jew kwalifika. Jiddeskrivi proċedura ta’ liċenzjar applikata fil-livell ta’ programm/kwalifika waħda jew aktar. Dan jimplika permess għal istituzzjoni biex tipprovdi Programmi/Kwalifiki speċifiċi u jingħata minn Awtoritajiet Pubbliċi jew delegati tagħhom.
X’inhi l-ESCO u kif tintuża fl-Europass?

L-ESCO (Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi Ewropej) hi l-klassifikazzjoni multilingwi Ewropea tal-Ħiliet, tal-Kompetenzi u tal-Impjiegi.     Hi taħdem bħal dizzjunarju li jiddeskrivi, jidentifika u jikklassifika l-impjiegi u l-ħiliet professjonali rilevanti għas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE.                 

L-ESCO tipprovdi deskrizzjonijiet ta’ 2,942 impjieg u ta’ 13,485 ħila relatata ma’ dawn l-impjiegi, tradotti b’27 lingwa (il-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, u bl-Iżlandiż, bin-Norveġiż u bl-Għarbi).  

L-Europass juża l-ESCO bi tliet modi:  
1) L-utenti tal-Europass għandhom lista definita minn qabel ta’ impjiegi li jistgħu jagħżlu minnhom fit-taqsima tal-Esperjenza tax-Xogħol tagħhom tal-profil jew tas-CV tagħhom.  
2) L-ESCO tipprovdi wkoll deskrizzjonijiet sħaħ tal-impjiegi meta tagħżel li tikklikkja l-ikona “għajn”. Imbagħad tista’ tikklikkja l-buttuna “Tgħallem aktar”, li tiddirieġik għall-informazzjoni sħiħa dwar l-impjieg speċifiku.

Użu Tal-Europass

Kif nirreġistra mal-Europass?

Biex tirreġistra mal-Europass, trid l-ewwel toħloq l-“EU login” tiegħek li hu s-servizz tal-utenti tal-Kummissjoni tal-UE. Biex toħloq l-“EU login” tiegħek daħħal l-indirizz tal-email tiegħek u oħloq password. Imbagħad tirċievi email b’link li jippermettilek li tikkompleta l-proċess ta’ reġistrazzjoni. Minn hemm, tista’ tibda tuża l-Europass bħala utent reġistrat. L-utenti reġistrati għandhom aċċess sħiħ għall-għodod kollha tal-Europass inklużi l-Profil, il-Librerija u l-impjiegi u s-suġġerimenti tal-korsijiet.

X’nagħmel jekk ninsa l-password tal-EU Login tiegħi?

Ġentilment nitolbuk sempliċement li tikklikkja “Insejt il-password?” fil-paġna tal-login. Innota li ma tistax tissettja mill-ġdid il-password jekk il-kont tiegħek jinsab illokkjat. Madankollu, il-helpdesk tal-EU login tkun tista' tgħinek. Jekk jogħġbok sib il-proċedura kollha deskritta fil-paġna tal-EU Login.

Nista’ nuża Europass b’apparat mobbli?

Iva, tista’ tuża l-Europass fuq tablets u mobiles, browsers differenti tal-internet u daqsijiet ta’ windows b’riżoluzzjonijiet differenti.

Il-browser tiegħi ma jurix il-Europass kif suppost. X'nista' nagħmel?

Aġġorna l-browser tiegħek jew ikkunsidra li tuża wieħed differenti, eż. verżjoni reċenti tal-Firefox, tal-Chrome jew tal-Internet explorer. Jekk il-problema tippersisti, ikkuntattja t-tim tal-Europass.

F’liema lingwi hu disponibbli l-Europass?

Il-Europass hu disponibbli fil-lingwi li ġejjin tal-pajjiżi parteċipanti tal-Europass:

  • il-Bulgaru
  • il-Kroat
  • iċ-Ċek
  • id-Daniż
  • l-Olandiż 
  • l-Ingliż
  • l-Estonjan
  • il-Finlandiż
  • il-Franċiż
  • il-Ġermaniż
  • il-Grieg
  • l-Ungeriż
  • l-Iżlandiż
  • l-Irlandiż
  • it-Taljan
  • il-Latvjan
  • il-Litwan
  • il-Maċedonjan
  • il-Malti
  • l-Montenegrin
  • in-Norveġiż
  • il-Pollakk
  • il-Portugiż
  • ir-Rumen
  • is-Serb
  • is-Slovakk
  • is-Sloven
  • l-Ispanjol
  • l-Iżvediż
  • it-Tork
  • l-Ukren
Kif nista’ nikseb suġġerimenti għall-impjiegi u l-korsijiet?

L-Europass joffri suġġerimenti għall-impjiegi u l-korsijiet billi jqabbilhom mal-ħiliet u l-interessi li pprovdejt fuq il-profil tiegħek u l-għodod tal-“ħiliet tiegħi” jew “l-interess tiegħi”. 

  • Agħżel l-opzjoni “Settings” taħt il-buttuna “Jien”.
  • Ikklikkja “Ippersonalizza s-settings tas-suġġeriment”.
  • Fuq “Immaniġġja s-suġġerimenti”, ikklikkja l-editjar.

Aqleb il-buttuna fuq il-lemin għal MIXGĦUL biex tkun tista’ tirċievi suġġerimenti għal impjieg u kors. Se tkun tista’ tara suġġerimenti personalizzati fuq id-dashboard tal-Europass tiegħek.

Tinsiex tissejvja t-tibdiliet tiegħek!

Ixxerjajt l-informazzjoni tal-Europass tiegħi permezz ta’ hyperlink. Kif nista’ niddiżattiva dak il-link?
  • Illoggja fil-kont tal-Europass tiegħek 
  • Mur fit-taqsima “feed ta’ attivita” taħt il-buttuna “Jien”.
  • Ikklikkja editja (l-ikona fil-forma ta’ pinna fuq il-lemin) tal-link speċifiku.
  • Agħżel “neħħi l-pubblikazzjoni tal-link” biex tiddiżattiva dak il-link
Hemm rekord tal-ħinijiet kollha li l-Europass kellu kwistjonijiet tekniċi fihom?

Iva, jekk ma stajtx tuża l-Europass minħabba instabbiltà, tista’ tirreferi għall-Paġna tar-Reġistru tal-Iżbalji għal referenza. Dan jelenka d-dati u l-ħinijiet meta l-Europass kellu inaċċessibbiltà sħiħa jew parzjali, minħabba manutenzjoni teknika ppjanata jew problemi tekniċi mhux mistennija.

Editur tas-CV u tal-ittra ta'akkumpanjament tal-Europass

Ma nistax inżid ritratt fuq is-CV tal-Europass tiegħi?

Jekk jogħġbok iċċekkja jekk applowdjajtx ir-ritratt fil-format ta’ fajl it-tajjeb: PNG, JPG.

Jekk dan hu l-każ, kun ċert li d-daqs tal-fajl tiegħek hu anqas minn 20 MB.

F’liema format nista’ nissejvja s-CV tal-Europass tiegħi?

Bħalissa, tista’ tissejvja s-CV tal-Europass tiegħek f’verżjoni PDF tal-Europass.

Fejn nista’ naħżen is-CV tal-Europass tiegħi?

Tista’ taħżen is-CV tal-Europass tiegħek bil-modi li ġejjin:

  • Fil-Librerija tal-Europass tiegħek (utenti reġistrati biss)
  • Iddawnlowdjah fl-apparat lokali tiegħek (desktop jew apparat mobbli)
Fejn nista’ naġġorna s-CV tal-Europass tiegħi?

Jekk int utent reġistrat, tista’ taħżen is-CV tal-Europass tiegħek fil-Librerija tal-Europass tiegħek u teditjah fi kwalunkwe ħin. Jekk int utent mistieden, tista’ timporta l-Europass tiegħek fl-Editur Online u tagħmel kull tibdil li għandek bżonn u tiddawnlowdja s-CV mill-ġdid.

Nista’ nippersonalizza s-CV tal-Europass tiegħi?

Bl-editur tas-CV tal-Europass tiegħek tista’ żżid, tneħħi u teditja t-taqsimiet tas-CV kif tixtieq. Taqsimiet bħal “Esperjenza ta’ xogħol” u “Edukazzjoni u taħriġ” jistgħu jiġu mċaqalqin, editjati jew imneħħijin. Tista’ wkoll toħloq taqsimiet personalizzati, bl-ismijiet li tagħżel, skont il-ħtiġijiet u l-esperjenzi tiegħek.

Wara li timla t-taqsimiet preferuti, tkun tista’ tagħżel format ta’ CV xieraq minn lista ta’ templates differenti. Dan jippermettilek taġġusta d-dehra u s-sensazzjoni ta’ kull CV għal kull applikazzjoni.

Tlift is-CV tal-Europass tiegħi. X'nista' nagħmel?

Jekk int mistieden, l-informazzjoni li ddaħħal fil-profil tal-Europass se tkun disponibbli għal 48 siegħa wara l-aħħar żjara.

Bħala utent reġistrat, l-informazzjoni tiegħek se tiġi ssejvjata għal żmien itwal u tista’ tissejvja s-CVs tal-Europass u l-Ittri ta’ Akkumpanjament fil-Librerija tiegħek.

Nista’ noħloq verżjonijiet differenti tas-CV tiegħi tal-Europass?

Tista’ toħloq verżjonijiet differenti tas-CV tiegħek tal-Europass. Tista’ wkoll tagħmel użu mit-templates viżivi differenti disponibbli. L-utenti reġistrati jistgħu jaħżnu l-verżjonijiet differenti fil-Librerija tal-Europass tagħhom. L-utenti mistiedna jistgħu jiddawnlowdjaw il-verżjonijiet differenti tas-CV tal-Europass tagħhom u jaġġornawhom aktar tard.