Frequently Asked Questions

Editur tas-CV u tal-ittra ta'akkumpanjament tal-Europass

Il-Europass jista’ jittraduċi s-CV tal-Europass u l-Ittra ta’ Akkumpanjament tiegħi?

Tista’ toħloq il-profil tal-Europass tiegħek, CV tal-Europass u Ittra ta’ Akkumpanjament f’29 lingwa differenti. Madankollu, il-Europass ma jittraduċix l-informazzjoni li inti diġà pprovdejt fil-profil tiegħek jew fid-dokumenti tiegħek.

Kif nissejvja s-CV tal-Europass tiegħi?

Dejjem se tkun notifikat dwar l-għażliet li għandek wara li tlesti s-CV tiegħek:

Bħala utent reġistrat, tista’ tiddawnlowdjaha fl-apparat lokali tiegħek jew taħżinha fil-Librerija tal-Europass tiegħek.

Bħala mistieden, tista’ tiddawnlowdjaha fl-apparat lokali tiegħek.

Il-Europass il-ġdid tneda f’Lulju 2020. Nista’ xorta waħda nuża s-CVs u l-ittri ta’ akkumpanjament tal-Europass qabel dan il-waqt?

Jekk ħloqt CV tal-Europass jew Ittra ta’ Akkumpanjament qabel Lulju 2020 tista’ timporta dawn id-dokumenti fl-Editur Online biex teditjahom. Tista’ wkoll tirreġistra biex toħloq il-profil u taħżen id-dokumenti tal-Europass tiegħek fil-Librerija tal-Europass sabiex tkun tista’ taċċessa u tixxerja d-dokumenti tiegħek minn post wieħed.

Kif inneħħi l-pubblikazzjoni tas-CV tal-Europass tiegħi li ppubblikajt fuq l-EURES?

 

Biex tneħħi l-pubblikazzjoni tas-CV tal-Europass tiegħek mill-EURES trid:

  • Tilloggja fil-kont tal-Europass tiegħek.
  • Tagħżel “Neħħi l-pubblikazzjoni tas-CV tiegħek fuq l-EURES” taħt “Settings tal-Kont”,
  • Tikklikkja “Neħħi l-pubblikazzjoni tas-CV” fil-popup li tidher u li tistaqsik jekk intix ċert li trid tneħħi l-pubblikazzjoni tas-CV tiegħek fuq l-EURES.
Kif nista’ norganizza mill-ġdid it-taqsimiet ewlenin fis-CV tiegħi?

Tista’ torganizza mill-ġdid it-taqsimiet ewlenin (edukazzjoni, esperjenzi ta’ xogħol) jew is-sottotaqsimiet (esperjenzi ta’ xogħol individwali) manwalment biex jintwerew fl-ordni li trid.

Biex iċċaqlaq taqsima sħiħa:

  • Ikklikkja l-vleġeġ blu li tara fuq in-naħa tax-xellug ta’ dik it-taqsima. 

Biex iċċaqlaq l-oġġetti f’taqsima:

  • Ċaqlaq il-mouse fuq ix-xellug ta’ dak l-oġġett. Il-cursor tiegħek se jieħu forma differenti (salib/plus). Imbagħad tista’ tikklikkja, iżżommu u tmexxih ’l fuq jew ’l isfel (iddreggja u waqqa’) skont fejn tixtieq tqiegħed dak l-oġġett.
Kif nista’ nżid dokumenti mas-CV tal-Europass tiegħi?

Tista’ tixxerja d-dokumenti tiegħek direttament mil-Librerija tal-Europass

jew iżżid taqsima fis-CV tal-Europass tiegħek bil-link għad-dokument(i) mil-Librerija tal-Europass tiegħek.

Kif tixxerja dokument(i) mil-Librerija tal-Europass tiegħek bħala utent irreġistrat:

  • Pass 1: Agħżel id-dokument(i) li tixtieq tixxerja billi tikklikkja l-kaxxa tal-immarkar (fuq ix-xellug ta’ kull dokument).
  • Pass 2: Agħżel “Ixxerja” mill-opzjonijiet.       
  • Pass 3: Tista’ tagħżel li taġġusta t-tul ta’ żmien li n-nies li xxerjajt dan il-link magħhom jistgħu jaraw id-dokument(i) tiegħek fuq il-popup li titla'.
  • Pass 4: Ikklikkja l-buttuna “Iġġenera link”.

Se jkollok link uniku li tista’ tixxerjah ma’ dawk li tixtieq.

Tista’ żżid ukoll dan il-link mas-CV tal-Europass tiegħek. 

Jekk jogħġbok innota li d-dokumenti li tapplowdja fil-librerija tal-Europass mhumiex se jiġu inklużi awtomatikament fis-CV tal-Europass tiegħek.

Liema oqsma huma obbligatorji fl-Ittra ta’ Akkumpanjament?

Sabiex toħloq l-ittra ta’ akkumpanjament tiegħek, l-oqsma li ġejjin huma obbligatorji:

  • il-lingwa tal-ittra ta’ akkumpanjament.
  • il-format tad-data.
  • l-isem/l-ismijiet.
  • il-kunjom/il-kunjomijiet.
  • is-suġġett.
  • it-tislijiet tal-bidu (jekk jogħġbok imla ż-żewġ kaxxi, anki jekk waħda minnhom biss hi indikata bħala obbligatorja).
  • ismek (fit-taqsima “għeluq”).

 

L-oqsma l-oħrajn mhumiex obbligatorji. Madankollu, jekk timla l-qasam tan-numru tat-telefown, ikollok iżżid il-kodiċi tal-pajjiż. Bl-istess mod, jekk timla Indirizz se jkollok tagħżel il-pajjiż ukoll.

X’inhi d-differenza bejn il-Profil tal-Europass u CV?

Il-profil tal-Europass tiegħek hu l-ispazju online personali tiegħek fejn tista’ tilloggja l-ħiliet, l-edukazzjoni, l-esperjenzi tax-xogħol, il-kisbiet u informazzjoni oħra dwarek. 

Il-profil hu qasam li jinkludi kollox biex torganizza l-informazzjoni tiegħek. Tista’ tuża l-informazzjoni kollha jew parti minnha mill-profil tal-Europass tiegħek biex toħloq CVs għal impjiegi jew korsijiet partikolari li tista’ tkun qed tapplika għalihom, u b’hekk jgħinek tfassal is-CV tiegħek għal impjieg partikolari.

 

L-opzjoni Oħloq CV tagħmilha faċli li toħloq CV waħda jew ħafna CVs mill-profil tal-Europass tiegħek. Tista’ tużaha biex tapplika għal opportunitajiet ta’ impjieg, edukazzjoni, taħriġ jew volontarjat.

Bis-CV tal-Europass tista’:

  • toħloq u taġġorna s-CV tiegħek b’29 lingwa.
  • tagħżel minn templates differenti tas-CV tal-Europass.
  • tissejvja s-CV tiegħek fl-apparat tiegħek jew fil-librerija tal-Europass.
  • tixxerja s-CV tiegħek ma’ parti terza.

Oħloq il-profil tiegħek tal-Europass

X’inhu profil tal-Europass?

Il-profil tal-Europass tiegħek hu l-ispazju personali online tiegħek fejn tista’ tilloggja l-ħiliet, it-tagħlim, u l-esperjenzi tax-xogħol kollha tiegħek kif ukoll il-kisbiet u informazzjoni oħra. Il-profil se jkun qasam li jinkludi kollox biex torganizza l-informazzjoni tiegħek. Il-profil tiegħek se jgħinek tirrekordja u tara l-ħiliet u l-esperjenzi tiegħek f’post wieħed. Tista’ tuża l-informazzjoni fil-profil tal-Europass biex toħloq CVs għal impjiegi jew korsijiet partikolari li tista’ tapplika għalihom.

Kif tikkompleta l-profil tiegħek tal-Europass?

Il-profil tal-Europass tiegħek hu profil personali. Mur fil-paġna ewlenija u kklikkja l-buttuna “Oħloq il-Europass tiegħi”. Se tkun iggwidat f’kull pass biex toħloq il-profil tal-Europass tiegħek. Meta tlesti l-profil bażiku tal-Europass (edukazzjoni u taħriġ, esperjenza ta’ xogħol, ħiliet lingwistiċi, ħiliet diġitali), tkun tista’ taġġorna u teditja l-bqija tal-profil bi proġetti, kisbiet u ħiliet oħrajn li tixtieq tirrekordja.

Jekk tirreġistra mal-Europass, se tkun tista’ żżid aktar taqsimiet u toħloq profil estensiv b’rekord tal-ħiliet, il-kwalifiki u l-esperjenzi tiegħek f’post wieħed.

Jekk ma tirreġistrax, ma tkunx tista’ żżomm profil permanenti jew taċċessa għodod relatati oħrajn bħal Il-Librerija Tiegħi jew Il-Ħiliet Tiegħi.

X’inhu “Il-Ħiliet Tiegħi”?

“Il-Ħiliet Tiegħi” hu parti mill-Europass, li toffrilek ħarsa ġenerali tal-ħiliet tiegħek abbażi tal-informazzjoni li żżid fil-profil tiegħek. L-informazzjoni f’Il-Ħiliet Tiegħi se tintuża biex tissuġġerixxi impjiegi personalizzati u suġġerimenti ta’ korsijiet għalik.

X’inhi “Il-Librerija Tiegħi”?

“Il-Librerija Tiegħi” tal-Europass hi l-ispazju online bla ħlas tiegħek, illinkjata mal-profil tal-Europass tiegħek, fejn tista’ taħżen il-fajls relatati mal-karriera u l-istudji tiegħek. Tista’ tapplowdja u tixxerja s-CVs tal-Europass, l-Ittri ta’ Akkumpanjament, il-Kredenzjali diġitali, il-premjijiet, iċ-ċertifikati, id-diplomi u kwalunkwe dokument rilevanti ieħor. Qatt ma għandek taħżen kwalunkwe dokument li jkun fih informazzjoni personali sensittiva (pereżempju: passwords jew dettalji tal-kont bankarju) fil-librerija tiegħek tal-Europass.

X’inhu “L-Interessi Tiegħi”?

Permezz ta’ “L-Interessi tiegħi” utenti reġistrati jistgħu jiddeskrivu l-interessi u l-għanijiet tagħhom fil-Europass. Tista’ tagħżel lista ta’ għanijiet ewlenin marbutin mal-karriera u l-istudji tiegħek jew opportunitajiet oħrajn bħall-volontarjat jew l-ivvjaġġar. Tista’ tindika wkoll il-lokalità(jiet) preferut(i) tiegħek billi tagħżel l-ibliet u l-pajjiżi rilevanti. Finalment, tista’ telenka s-suġġetti u l-ħiliet li tixtieq titgħallem aktar dwarhom. L-informazzjoni f’L-Interessi Tiegħi se tintuża biex tissuġġerixxi impjiegi personalizzati u suġġerimenti ta’ korsijiet għalik.

Ixxerjar tal-profil tal-Europass tiegħi

Il-profil tal-Europass tiegħek hu privat iżda tista’ tixxerja link għall-profil tiegħek mal-impjegaturi, mal-istituzzjonijiet edukattivi jew mal-konsulenti biex tingħata l-għajnuna jew bħala parti mill-applikazzjoni tiegħek. Tista’ tixxerja l-profil sħiħ tiegħek jew tagħżel li tixxerja taqsimiet speċifiċi tal-profil tiegħek. Tista’ tixxerja l-profil għal perjodu ta’ żmien stabbilit u tista’ “tħassar” il-link fi kwalunkwe ħin sabiex ma tibqax viżibbli għall-partijiet esterni. Dejjem għandek tiżgura li tkun taf l-identità ta’ dawk li tixxerja l-profil tiegħek magħhom u qatt ma għandek tixxerja informazzjoni personali u sensittiva.

Għandi bżonn nikkompleta l-profil kollu tal-Europass?

Le, m’hemmx għalfejn timla l-profil kollu tal-Europass fi żjara waħda. Fil-fatt, rari ħafna tuża l-elementi kollha jew timla t-taqsimiet kollha f’daqqa. Il-bini ta’ profil hu proċess kontinwu u għandek taġġornah kull darba li tlesti l-istudji, tlesti esperjenza ta’ xogħol ġdida, jew tixtieq tirrekordja ħiliet ġodda li tkun żviluppajt.

Kif toħloq profil tal-Europass f’lingwa oħra.

Tista’ toħloq il-profil tal-Europass tiegħek f’30 lingwa differenti. Meta toħloq il-profil tiegħek tista’ tagħżel il-lingwa rilevanti biex toħloq il-profil tiegħek.

Jeħtieġli nikkompleta t-taqsimiet kollha tal-profil tal-Europass?

Il-profil tal-Europass tiegħek hu l-ispazju online tiegħek biex tirrekordja l-ħiliet, il-kwalifiki u l-esperjenzi tiegħek. Inti meħtieġ timla biss oqsma mandatorji (isem u kunjom). Tista’ tagħżel liema taqsimiet trid tikkompleta u tista’ żżid taqsimiet ġodda b’titlu li tagħżel biex tiddeskrivi l-ħiliet, il-kisbiet u l-proġetti tiegħek. Madankollu, hu importanti li l-profil tal-Europass jiġi aġġornat bil-ħiliet, il-kwalifiki u l-esperjenzi ġodda tiegħek sabiex dejjem ikollok profil aġġornat.

X’tip ta’ informazzjoni għandi ninkludi fil-profil tal-Europass tiegħi?

Il-profil tal-Europass tiegħek hu l-ispazju online tiegħek biex tirrekordja l-ħiliet, il-kwalifiki u l-esperjenzi tiegħek. Tista’ tinkludi informazzjoni dwar il-ħiliet, il-kisbiet u l-proġetti kollha tiegħek mill-aspetti kollha tal-ħajja tiegħek – ix-xogħol, id-dar, l-istudju, il-volontarjat, u l-passatempi. Qatt tinkludi informazzjoni personali sensittiva fil-profil tiegħek, pereżempju dwar saħħtek, il-kundanni jew informazzjoni tiegħek li mhix rilevanti għall-karriera u l-istudji tiegħek.

Min għandu aċċess għall-profil tal-Europass tiegħi?

Il-Europass hu l-profil tiegħek u ħadd aktar ma jista’ jkollu aċċess għall-profil tiegħek jew għall-informazzjoni tiegħek. Tista’ tagħżel li tixxerja l-profil tiegħek (jew partijiet mill-profil tiegħek) ma’ kull min tixtieq. Pereżempju, tista’ tixxerja l-profil tiegħek ma’ impjegatur bħala parti minn applikazzjoni għal impjieg. L-utenti reġistrati jistgħu wkoll jixxerjaw il-link tal-profil tagħhom għal perjodu stabbilit ta’ żmien.

Nista’ napplowdja ritratti fil-profil tal-Europass tiegħi?

Iva, tista’ tapplowdja immaġnijiet, fajls jew iżżid links għall-videos fit-taqsimiet rilevanti tal-profil tal-Europass tiegħek. Dawn se jinħażnu awtomatikament fil-librerija tal-Europass tiegħek jekk int utent reġistrat.

X’informazzjoni nista’ nara fuq il-paġna “Jien” fil-Europass?

Il-paġna “Jien” hi wirja interattiva tal-informazzjoni kollha tiegħek fil-Europass. Mill-paġna “Jien”, tista’ taċċessa l-verżjoni l-aktar reċenti tal-profil tiegħek. Tista’ tara s-suġġerimenti ta’ impjiegi u korsijiet li tirrifjuta jew tissejvja bħala favoriti. Tista’ wkoll taċċessa l-edituri tas-CV u tal-ittra ta’ akkumpanjament jew iżżid informazzjoni ġdida ma’ “Il-Ħiliet Tiegħi” u “L-Interessi Tiegħi”. Tista’ wkoll tara ir-“Rekord tal-Attivitajiet” tiegħek li jagħtik ħarsa ġenerali lejn l-attività reċenti tiegħek fil-Europass u l-Konfigurazzjonijiet Tiegħi fejn tista’ tamministra l-konfigurazzjonijiet tal-privatezza tiegħek.

Kun af il-Europass

X’inhu l-Europass?

Il-Europass hu sett ta’ għodod u informazzjoni online li jgħinek timmaniġġja kull pass tat-tagħlim u l-karriera tiegħek. L-għodod u l-informazzjoni jgħinuk tikkomunika l-ħiliet, il-kwalifiki u l-esperjenzi tiegħek b’mod ċar u konsistenti fl-Ewropa kollha. Il-Kummissjoni Ewropea żviluppat il-Europass.

Għaliex għandi nuża l-Europass?

Il-Europass joffrilek għodod li jgħinuk tirrekordja l-ħiliet, il-kwalifiki u l-esperjenzi tiegħek u tfittex u tapplika għal impjiegi jew korsijiet ġodda.

Il-Europass jippreżentalek l-informazzjoni u l-punti ta’ kuntatt rilevanti pprovduti minn sorsi Ewropej u nazzjonali fdati, li jgħinuk tagħmel deċiżjonijiet infurmati dwar il-karriera.

Tista’ tirreġistra biex toħloq il-profil tal-Europass tiegħek u tagħmel l-aħjar użu mill-għodod u l-informazzjoni kollha disponibbli fil-Europass.

Tista’ tispjega l-għodod differenti offruti mill-Europass?

Jekk tirreġistra mal-Europass se jkollok aċċess għall-għodod kollha li ġejjin:

  • Il-profil tal-Europass – l-ispazju online personali liberu tiegħek biex tirrekordja l-ħiliet, il-kwalifiki u l-esperjenzi tiegħek;
  • Il-librerija Europass – tista’ taħżen, tixxerja u torganizza d-dokumenti tiegħek;
  • L-Interessi Tiegħi – tista’ tirrifletti u tidentifika l-interessi tal-karriera jew tat-tagħlim tiegħek; 
  • Il-Ħiliet Tiegħi – tista’ tagħti ħarsa ġenerali tal-ħiliet tiegħek fil-profil tiegħek;
  • L-Editur online – tista’ toħloq CVs u ittri ta’ akkumpanjament differenti biex tqabbilhom mal-applikazzjonijiet tiegħek;
  • It-tiftixa ta’ impjiegi u korsijiet – se jkollok aċċess għal bażi ta’ data kbira ta’ impjiegi u korsijiet fl-Ewropa kollha.

Anki jekk m’intix reġistrat, għandek aċċess għal xi għodod li jinkludu l-Editur Online u t-Tiftixa għall-impjiegi u l-korsijiet.

Kemm jiswa l-Europass?

Il-Europass hu sett ta’ għodod u ta’ informazzjoni online bla ħlas li toffri l-Kummissjoni Ewropea. Ma għandu ebda spejjeż moħbijin jew spejjeż addizzjonali. Jekk jogħġbok innota li ma tistax tixtri CV jew kwalunkwe servizz mill-Europass. Is-servizzi kollha offruti mill-Europass huma bla ħlas u qatt m’int se tintalab tipprovdi xi dettalji tal-bank jew teżegwixxi ħlasijiet. Jekk irċevejt talba bħal din, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.